Malta tkompli ssaħħaħ il-pożizzjoni tagħha bħala waħda mill-aktar destinazzjonijiet turistiċi li qed jikbru fl-Ewropa, hekk kif aktar minn 1,000 delegat internazzjonali u 190 ġurnalist jinġabru f'pajjiżna biex jiddiskutu l-industrija tat-turiżmu globali.
Is-Summit qed isir fi żmien meta l-industrija Ewropea tat-turiżmu qed turi tkabbir qawwi. Skont l-aħħar riċerka tal-World Travel & Tourism Council (WTTC), is-settur fl-Ewropa huwa mistenni jikber b'3.1% fl-2026, u b'hekk ikompli jikber b'ritmu ogħla mill-ekonomija usa'.
Għal Malta, il-mument huwa partikolarment sinifikanti. Id-dejta tal-WTTC turi li fl-2025 Malta kellha l-ogħla żieda annwali fil-kontribut tat-Turiżmu u l-Ivvjaġġar għall-PDG fost l-ekonomiji Ewropej, bi tkabbir ta' 16.8%, meta mqabbel mal-medja Ewropea ta' 2.6%. Għall-2026, is-settur huwa mistenni jiġġenera 4.9 biljun dollaru għall-ekonomija Maltija, li jirrappreżenta 16.9% tal-PDG tal-pajjiż, filwaqt li jappoġġja aktar minn wieħed minn kull ħames impjiegi f'Malta.
L-iskala tas-Summit tirrifletti l-importanza dejjem tikber tat-turiżmu fuq l-ekonomija globali u l-pożizzjoni ta' Malta bħala pjattaforma għal diskussjoni internazzjonali.
Matul is-Summit, aktar minn 100 kelliem se jindirizzaw temi li jinkludu l-investiment, il-konnettività, l-innovazzjoni, l-intelliġenza artifiċjali, il-ħiliet u l-ħaddiema, il-kompetittività tad-destinazzjonijiet u s-sostenibbiltà.
Il-Ministru għat-Turiżmu Jo Etienne Abela qal li s-Summit qed joffri opportunità biex Malta, flimkien ma' mexxejja internazzjonali, tiddiskuti soluzzjonijiet konkreti għar-realtajiet li qed jiffaċċja s-settur, fosthom il-ħtieġa għal aktar investiment, konnettività aħjar, innovazzjoni teknoloġika, żvilupp tal-ħiliet u tkabbir sostenibbli. Tenna kif għal Malta, l-ospitar tal-WTTC Global Summit huwa għalhekk aktar minn konferenza internazzjonali, huwa opportunità biex il-pajjiż jippreżenta l-progress tiegħu, jaqsam il-viżjoni tiegħu għall-futur u jkompli jsaħħaħ ir-rabtiet ma' mexxejja u organizzazzjonijiet li qed jiffurmaw il-futur tal-industrija globali tat-turiżmu.
“L-ospitar tal-WTTC Global Summit huwa rikonoxximent tal-pożizzjoni ta' Malta bħala destinazzjoni turistika ta' livell internazzjonali. L-ambizzjoni tagħna mhijiex biss li nilqgħu aktar turisti, iżda li noħolqu turiżmu ta' kwalità, sostenibbli u li jħalli valur akbar għall-ekonomija u għall-komunitajiet tagħna. Dan is-Summit jagħtina l-opportunità li nkomplu nsaħħu l-investiment, l-innovazzjoni u l-kompetittività ta' Malta fis-settur turistiku globali. Malta llum mhijiex biss qed tilqa' lid-dinja tat-turiżmu. Qed tkun waħda mill-pjattaformi fejn qed tiġi diskussa d-direzzjoni futura tas-settur," temm jgħid Dr Abela.
Iċ-Chairman tal-WTTC, Manfredi Lefebvre, qal li Malta hija ospitanti ideali għas-Summit minħabba l-impenn tagħha lejn is-settur, filwaqt li saħaq fuq l-importanza li l-mexxejja internazzjonali jsaħħu l-kollaborazzjoni u joħolqu inizjattivi ġodda li jkomplu jmexxu t-tkabbir, l-investiment u l-opportunitajiet.